Metodu

Iksi u idlek żewġ laned tondi ta’ 22ċm b’karta forn. Għarbel id-dqiq u l-kokotina flimkien fi skutella u warrab f’ġenb. Itfa’ l-butir u z-zokkor fi skutella kbira u ħabbathom flimkien għal 3 minuti, sakemm ikollok taħlita ħafifa. Żid il-bajd waħda waħda u itfa’ l-essenza tal-vanilla. Imbagħad itfa’ t-taħlita tad-dqiq u ħawwadha bil-mod. Fi skutella żgħira, itfa’ l-jogurt, il-ħalib u l-kulur aħmar tal-ikel u ħawwad bil-mod b’ħabbata żgħira. Itfa’ din it-taħlita mat-taħlita tal-kejk u ħawwad bil-mod biex tħalli kemm jista’ jkun arja fiha. Imbagħad ħallat flimkien il-ħall u t-trab tal-ħami f’tazza żgħira u itfagħhom mat-taħlita tal-kejk. Qassam it-taħlita fiż-żewġ laned u ferrixha b’paletta. Aħmi l-kejkijiet f’temperatura ta’ 175oC għal 25-30 minuta, jew sakemm ikunu saru l-kejkijiet. Oħroġhom mill-forn u ħallihom jiksħu sew. Sadattant lesti l-krema tal-vanilla. Itfa’ l-ġobon artab, il-ġobon mascarpone u l-essenza tal-vanilla fi skutella u ħabbathom ħafif flimkien b’ħabbata tal-elettriku. Żid iz-zokkor u kompli ħabbat sakemm ikollok taħlita ratba. Fi skutella oħra ħabbat il-ħalib sakemm jagħqad, imbagħad żidu mat-taħlita tal-ġobon artab. Ħawwad bil-mod sakemm ikollok taħlita ratba. Biex tifforma l-kejk, aqsam il-kejkijiet min-nofs għat-tul b’sikkina tajba ħalli jkollok erba’ saffi ta’ kejk. Poġġi wieħed mis-saffi fi platt u ferrex fuqu ftit mill-krema tal-vanilla. Poġġi saff kejk ieħor fuqu u agħmel l-istess. Irrepeti għaż-żewġ saffi l-oħra. Uża l-krema li jkun fadallek biex tiksi l-wiċċ u d-dawra tal-kejk u llixxa b’paletta. Żejjen id-dawra tal-wiċċ tal-kejk bil-frawli friska. Qabel isservi, poġġih fil-friġġ biex jiksaħ u jagħqad.

Għal 12 persuni


Email this Recipe Lura ghar-ricetti ta' Manuel's Recipes